Ġie ssiġġilat ftehim ġdid għat-tliet snin li ġejjin ma’ żewġt idjar, li joffru għajnuna lil nisa u tfal vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-ftehim bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Fondazzjoni Dar Merħba Bik se jissarraf f’finanzjament ta’ aktar minn miljun u tliet mitt elf ewro u jkopri s-servizzi li jingħataw f’żewġt idjar, dak ta’ emerġenza u ieħor ta’ akkomodazzjoni.
Frida Mangion, il-Kap tas-Servizzi f’Dar Merħba Bik, tkellmet dwar kif din id-dar taqa’ taħt id-direzzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur, li jagħmlu ħafna xogħol utli f’dan ir-rigward. Ħidma li ilha għaddejja għexieren ta’ snin.
“Din is-sena tikkommemora 45 sena minn meta s-sorijiet kellhom viżjoni, li jagħtu servizz lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. U għaldaqstant f’dan l-istadju ta’ emerġenza, aħna nakkomodaw sa erbatax-il familja li jkunu għaddejjin minn vjolenza domestika u fl-akkomodazzjoni li aħna nsejħulu s-second stage shelter hemmhekk se nakkomodaw tliet familji oħrajn, li jieħdu s-servizz tagħna għal programm ta’ sena sakemm ikunu lesti joħorġu lura fis-soċjetà.”
Frida Mangion, Kap tas-servizzi, Dar Merħba bik
Il-Ministru Michael Falzon spjega li din is-sena l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal għandu 34 ftehim ma’ 24 entità differenti. Dan qed issir b’allokazzjoni finanzjarja ta’ iktar minn 13-il miljun ewro, qabża ta’ miljun u nofs ewro fuq is-somma tas-sena li għaddiet.
“Huwa ftehim li jolqot żewġ shelters, dawk li huma shelters kemm ta’ emerġenza u għandna wkoll dak li hu secondarry shelter. Hu investiment ta’ madwar €1.35 miljun, li hu mifrux fuq tliet snin. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lis-Sorijiet tal-Buon Pastur tal-ħidma li nagħmlu flimkien bħala soċjetà fis-soċjal ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru, Michael Falzon