Ġie ffirmat ftehim soċjali ieħor, din id-darba ma’ żewġt idjar li joffru għajnuna lil vittmi nisa ta’ vjolenza domestika.
Il-ftehim bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u l-Fondazzjoni Dar Merħba Bik se jissarraf f’finanzjament ta’ aktar minn miljun ewro fuq tliet snin, u jkopri s-servizzi li jingħataw f’żewġt idjar li jinsabu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn xulxin f’Ħal Balzan.
Dar Merħba Bik toffri kenn temporanju lil dawn il-vittmi, u bħalissa tilqa’ erbatax-il familja, filwaqt li Dar Santa Bakita toffri xelter lil dawk li ma jkollhomx fejn imorru wara li jsegwu l-programm terapewtiku f’Dar Merħba Bik jew f’xi xelter ieħor li joffri servizzi lil dawn il-vittmi.
Bħalissa Dar Santa Bakita tilqa’ fiha tliet familji.
Il-Kap tas-Servizzi u Amministratur, Elaine Pavia spjegat li ż-żewġt idjar ingħataw lill-Fondazzjoni mill-komunità tas-sorijiet tal-Good Sheperd, li ilhom f’pajjiżna għal dawn l-aħħar mija u sittin sena.
Hija spjegat: “Fiż-żewġt idjar tagħna jingħata programm terapewtiku magħmul individwalment għall-familja għall-bżonnijiet ħolistiċi tal-familja. Huma t-tnejn programmi residenzjali, biss ukoll ngħinu wkoll nisa li jkunu telqu mis-servizzi imma jkollhom bżonn l-għajnuna, jiġifieri hawnekk aħna qegħdin 24/7 ikollna min iċempel at any time of day, jiġifieri nippruvaw ħolistikament ngħinu kemm jista’ jkun lill-vittmi, anki min għandu xi mistoqsija jew irid iċempel fis-satra tal-lejl, at any time, aħna għalhekk qegħdin hawnhekk.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li l-vjolenza domestika hija pjaga soċjali li tinstab f’kull soċjetà, u l-vittmi jgħaddu minn trawma kbira għaliex isibu l-vjolenza fil-post fejn suppost isibu l-imħabba.
Huwa qal, “Hawnhekk qed nitkellmu fuq vittmi ta’ vjolenza domestika, ftehim b’saħħtu ta’ aktar minn miljun ewro mifrux fuq tliet snin u allura dak huwa l-akbar xhieda u l-akbar impenn li nistgħu nagħtu bħala pajjiż u bħala amministrazzjoni li dejjem emminna fil-ġustizzja soċjali.”