Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, l-MCVS reġa’ nieda l-iskema Voluntary Organisations Projects Scheme 2024, li għaliha ġew allokati €800,000 biex jinqasmu bejn għaqdiet volontarji għal inizjattivi bħal proġetti fil-komunità, dawk ta’ infrastruttura jew riċerka.
Il-proġetti eliġibbli jistgħu jkunu mill-oqsma kollha mis-settur tal-volontarjat, bħall-ambjent sostenibbli, l-arti, il-mużika, l-isport, l-edukazzjoni, il-kultura, id-drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ.
Din is-sena parti mill-fondi se jkunu mnedija għat-tisħiħ tal-inklużjoni relatat mas-saħħa u d-diżabilità. Se jiġu enfasizzati b’mod speċjali proġetti u inizjattivi li jippromwovu jew jgħinu biex ikollna komunità aktar inklussiva.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, stqarret li, permezz tal-volontarjat, titwassal stampa ċara tal-ħajja komunitarja. Hi qalet li għalhekk hi mistħoqqa l-ispalla li tiġi pprovduta lilhom biex ikomplu jinċentivawhom f’ħidmiethom, b’sostenn anke għal dak li jkun diġà qed joffri l-Istat f’oqsma partikolari.
Qalet, “Il-volontarjat hu l-polz tas-soċjetà Maltija, dak li jagħmilna aħna min aħna, aħna li aħna Maltin. Nemmnu li, permezz ta’ din l-iskema, li għadna kemm ħabbarna issa ta’ kważi miljun ewro, se nkomplu nagħtu valur mhux biss l-inklużjoni, imma wkoll l-imħabba fid-diversi setturi li jirrappreżentaw lis-soċjetà u l-komunità Maltija.”
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li permezz tal-iskema, qed iseħħ b’mod tanġibbli l-frott kbir li dawn il-mijiet ta’ proġetti li jidħlu għalihom l-għaqdiet volontarji minn kull sfera tal-ħajja qegħdin iħallu fis-soċjetà tagħna. Is-sabiħ ta’ dawn I-fondi jgħinu lil għaqdiet biex il-fondi ikunu ta’ servizz fl-komunità u jsostnu dawn il-proġetti tul is-snin.
Qal, “Dan il-fond li qed ikun imniedi mill-Kunsill Malti għall-Volontarjat għat-tmien sena konsekuttiva għandu l-għan li jgħin lil għaqdiet biex iġibu fondi b’tali mod li jsostnu proġetti li kieku ma jkunx għal dawn il-flus ma jkunux jistgħu jibdew, imma mhux biss jibdewhom I-sabiħ tagħhom dawn il-fondi huma li jgħinu lil għaqdiet sabiex il-fondi ikunu ta’ servizz fil-komunità u jsostnu dawn il-proġetti tul is-snin .”
Soup Kitchen OFM Valletta hi waħda mill-għaqdiet volontarji li bbenefikaw mill-fondi VOPS. Permezz tal-iskema, ingħata taħriġ lill-voluntieri, sar xogħol infrastrutturali, manutenzjoni tal-bini u anke pubblikazzjoni ta’ materjal informattiv u promozzjonali biex is-servizz jasal għand min għandu l-aktar bżonn.
InħoIqot ukoll app għal donazzjonijiet minn supermarkets permezz tal-fondi SIS. Fis-sena li għaddiet, il-Valletta Soup Kitchen ipprovdiet aktar minn 120,000 ikla u kienet ir-rebbieħa ta’ Malta tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2023.
L-applikazzjonijiet għall-iskema VOPS ta’ din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mit-Tnejn 11 ta’ Settembru u se jintlaqgħu sa nofsinhar tal-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru 2023.
Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni biex isservi ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni. L-għaqdiet volontarji kollha li huma reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, huma eliġibbli għall-fondi.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit uffiċjali maltacvs.org.