Il-Fondazzjoni Rise se tibbenifika minn investiment ta’ aktar minn sitt mitt elf ewro fuq medda ta’ tliet snin biex jiġi assigurat is-sostenn ta’ din l-għaqda li tagħmel xogħol imprezzabbli fis-soċjetà.
Il-fundatur tal-Fondazzjoni RISE, Charles Mifsud spjega kif din l-għaqda kienet ta’ għajnuna għal diversi persuni li għal xi raġuni jew oħra, xellfu diffrejhom mal-ġustizzja.
Qal, “Prattikament niskopri llum u rajna wkoll minn studju li ħareġ minn żewġ professjonisti fejn hemm huma għamlu rendikont ta’ dan il-programm tul dawn il-ħames snin fejn ħarġu xi fatturi li dan il-programm għen biex ir-riċedività fil-pajjiż tonqos.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon sostna kif dan l-investiment huwa prova li dan il-Gvern jemmen fl-importanza li jingħata t-tieni ċans biex eks priġunieri ma jitwarrbux mis-soċjetà.
Huwa spjega kif dan m’huwiex l-uniku ftehim soċjali li jeżisti bejn il-Gvern u din il-fondazzjoni.
Qal, “Bħala Gvern għandna ftehim mar-RISE li hi għaqda li tgħin lill-eks-priġunieri biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Qed nitkellmu ftehim ta’ iktar minn sitt mitt elf ewro li mhix somma żgħira meta wieħed jikkalkula u li wkoll huwa mifrux fuq tliet snin.”
Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni RISE mhix l-unika għaqda mhux governattiva li l-Gvern jgħin u tenna li investimenti bħal dawn huma xhieda tar-ruħ soċjali tal-Gvern.