L-allowance, li tingħata lill-familja b’ulied li għandhom diżabilità fiżika jew mentali, se tiżdied b’€5 oħra biex issa se tammonta għal €35 fil-ġimgħa.
Din iż-żieda – ir-raba’ waħda mill-2014 – se tara l-pagamenti jiżdiedu għal €1,820 fil-ġimgħa.
Minn din iż-żieda, se jibbenefikaw 2,300 familja, b’2,510 tifel u tifla, li huma intitolati.
Se jingħata kumpens lill-persuni b’diżabilità għal meta jirtiraw mix-xogħol. Dawn il-persuni, li jirċievu l-assistenza, inkluż għal dik severa waqt li jkunu f’impjieg, mal-irtirar se jirċievu żieda li tikkumpensa għaliha, li sal-lum ma kinux qed joħduha.
Dawk li jkunu korrew fuq il-post tax-xogħol, jistgħu jieħdu pensjoni għal diżabilità permanenti. Meta jilħqu l-età tal-irtirar, tali pagament ukoll kien jitwaqqaf, iżda issa mal-pensjoni kontributorja se jieħdu żieda li tikkumpensa għat-telfien tal-assistenza.
L-aġġustament ikun tali li l-pensjoni tilħaq mill-inqas il-Paga Minima Nazzjonali, iżda ż-żieda ma tkunx inqas minn 10% tal-assistenza li kienu intitolati għaliha qabel l-irtirar.
Minn din il-miżura se jibbenefikaw 330 persuna, b’40 minnhom se jiritraw is-sena li ġejja.
Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità se jiġu wkoll megħjuna bl-ispejjeż tat-terapija speċjalizzata, hekk kif il-kreditu tat-taxxa se jiżdiedilhom minn €500 għal €750.
Se tiġi introdotta wkoll skema separata biex ġenituri, li ma jħallsux taxxa għax ma jaħdmux jew għax ikunu fuq il-benefiċċji soċjali, se jkunu jistgħu jibbenefikaw.
Se jsir proġett-pilota fiċ-ċentru ta’ Malta biex jiġi pprovdut għall-ewwel darba servizz ta’ filgħaxija lil persuni b’diżabilità severa, filwaqt li, taħt il-kappa tal-aġenzija Sapport, se jinfetaħ ċentru ieħor ta’ matul il-jum għal anzjani b’diżabilità.