Reviżjoni fl-iskema tad-diżabilità maħruġa mill-Awtorità tad-Djar ser tagħti żieda finanzjarja lil kull min jibbenifika minn din l-iskema.
Fost l-emendi hemm żieda ta’ €2,000 għall-installazzjoni ta’ lifts fi blokok ta’ appartamenti privati u issa tammonta għal €7,000.
L-istallazjoni ta’ lift f’dar privata żdiedet b’€5,000 u tammonta għal €20,000.
Fost miżuri oħrajn kien hemm bidla fir-rigward tad-dħul tal-applikanti. Dawk li jaqilgħu sa massimu ta’ €25,000, huma eleġibbli għal għajnuna 100%.
Fir-reviżjoni tal-iskema, tneħħiet il-klawsola li tisħaq li persuna tkun eliġibbli jekk il-propjetà tagħha tammonta sa €250,000. Dan filwaqt li l-massimu ta’ assi kapitali ta’ individwu jistgħu jammontaw sa €150,000.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna stqarr li dawn il-bidliet saru wara li ntlaħaq ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità.
Is-Sur Scicluna spjega: “Bdejna nindunaw li għax persuna jkollha xi ħaġa mfaddla, il-persuna ma kienitx qed tiġi megħjuna għal dak ir-rigward qisha qed tiġi penalizzata. Il-Housing Authority, il-bord fehem il-concerns tagħna u aċċetta t-tibdiliet li ħdimna fl-aħħar mill-aħħar fuqhom flimkien. Jiġifieri din se tkun qed tgħin ħafna iżjed nies milli kienet qed tgħin diġà qabel.”
Huwa sostna li dawn l-emendi ser ikunu strumentali biex persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità: “Aħna bħala persuni b’diżabilità dik li nħarsu l-ewwel li nkunu nistgħu nibqgħu ngħixu fid-djar tagħna fil-komunità b’mod iżjed indipendenti u dawn l-affarijiet jgħinuk biex tgħix iżjed indipendenti.”
L-emendi f’din l-iskema huma l-ewwel minn serje ta’ reviżjonijiet li qed isiru mill-Awtorità tad-Djar.