B’investiment ta’ €2.2 miljun, taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tnediet skema oħra ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala, bl-għan li jittaffew l-effetti taż-żieda fil-prezz tal-għalf.
Din l-iskema, li se jgawdu minnha 200 bidwi u raħħal, se sservi ta’ għajnuna lil dawk li jaħdmu fis-settur tal-ħalib, taċ-ċanga, tan-nagħaġ, u tal-mogħoż.
Dan qed isir bil-għan li jittaffew l-effetti taż-żieda fil-prezz tal-għalf minħabba l-kunflitt armat fl-Ukrajna.
Din l-iskema ħarġet wara li l-Gvern wettaq analiżi li wriet li l-effetti tal-kunflitt fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tat-tiben u tal-ħuxlief niexef, li huma tnejn mill-komponenti l-aktar użati għall-għalf tal-bhejjem, wasslu għal żidiet ta’ madwar 36 fil-mija u 41 fil-mija rispettivament fl-2022 meta mqabbel mal-2021.
Il-ħlasijiet – sa massimu ta’ €15,000 – se jiġu kkalkulati skont kriterji stabbiliti u se jsiru għal perjodu ta’ sentejn.
Din l-iskema hija intiża għar-raħħala li għandhom l-irziezet tagħhom irreġistrati f’Malta u li jkunu attivi matul l-2023.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li bl-għajnuna tal-Fond Agrikolu Ewropew, il-Gvern għal darb’oħra ħadem biex itaffi mill-piżijiet li x-xena internazzjonali ġabet magħha f’dan il-qasam tant importanti f’pajjiżna, B’hekk, il-Gvern qed jerġa’ jżomm kellmtu mar-raħħala u l-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Refalo qal li, “Din l-iskema hija importanti għaliex naħseb li l-Gvern qed jerġa’ juri kemm huwa solidari mal-bdiewa u r-raħħala u sajjieda tagħna. Skema ta’ mhux inqas minn tnejn punt tnejn miljun ewro, fejn aħna qed nagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-għalf.”
Anki s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnet, tkellem dwar l-utilità ta’ din l-għajnuna.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li, “L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna wasslet biex il-prezz tal-għalf – is-sena l-oħra kellna l-gwież u l-qmuħ, din id-darba l-għalf għola b’mod sproporzjonat. Irridu naraw li l-provvista tal-ikel tibqa’ għaddejja, allura qed naraw li b’din l-iskema l-bdiewa se jkunu jistgħu japplikaw għal onetime payment biex jagħmel tajjeb għal dak l-iżbilanċ li sabu.”
Din l-iskema se tibqa’ miftuħa sal-15 ta’ Ottubru 2023.