Ir-rejd li sar il-ġimgħa l-oħra fil-kwartieri tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, mill-Pulizija Belġjana u Ġermaniża, ħalla qasma sħiħa f’dan il-partit Ewropew, li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista.
Dan ġie rrappurtat mill-midja internazzjonali, hekk kif ġie rrappurtat li hemm dawk fi ħdan l-EPP li mhux jaqblu mat-tmexxija tal-President Manfred Weber.
Ir-rejd sar minħabba inkjesta mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar kuntratti li jlaħħqu eluf kbar ta’ ewro u huma relatati ma’ Mario Voigt, li mexxa l-kampanja online ta’ Weber fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Skont rapporti ġodda fil-midja internazzjonali, qed issir kritika interna lejn Weber minħabba r-relazzjoni tiegħu mal-istess Mario Voigt.
Sors li tkellem mal-midja internazzjonali qal li ma kien isir xejn mingħajr l-approvazzjoni ta’ Voigt. Is-sors qal ukoll li Manfred Weber għandu jerfa’ r-responsabbilità politika dwar dan il-każ.
Dan ir-rejd fuq il-kwartieri tal-EPP wassal biex laqgħa tal-grupp li kellha ssir fil-Polonja din il-ġimgħa, tħassret.
Fil-midja internazzjonali ġie rrappurtat ukoll li fl-aħħar ġimgħat kien hemm qasma oħra fil-Partit Popolari Ewropew, hekk kif Weber beda diskussjonijiet mal-Partit Konservattiv Ewropew, li miegħu hemm affiljat il-partit tal-Prim Ministru Taljana, Giorgia Meloni.
Membri Ġermaniżi tal-partit ilhom jagħmlu t-tentattivi tagħhom għal din l-aħħar sena biex il-partit ta’ Meloni ma jsirx parti minn alleanza politika Ewropea li tinvolvi lill-EPP. Dan filwaqt li saħqu wkoll li l-partit m’għandux jibqa’ jkun affiljat mal-partit Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi. Dan minħabba li dan tal-aħħar kien tkellem kontra l-President Ukren, Volodymr Zelensky.
Mal-membri Ġermaniżi jingħaqdu wkoll dawk Pollakki kontra l-alleanzja tal-EPP mal-partit Ewropew li miegħu hija affiljata Meloni.
Weber huwa ħabib mill-qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, tant li poġġih bħala Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-EPP fil-Parlament Ewropew.
Fil-kampanja elettorali ta’ sitt snin ilu f’Malta, Busuttil ġab lil Weber hawnhekk sabiex jitkellimlu f’mass meeting f’Tas-Sliema.
Manfred Weber jaħdem ukoll spalla ma’ spalla mal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa.