L-ewwel tliet xhur tas-sena bdew b’riżultati pożittivi fil-Qrati Ċivili. Dan hekk kif ir-rata ta’ kemm inqatgħu kawżi Ċivili, imqabbla ma’ kemm jidħlu kawżi fil-Qrati hija ta’ 118%. Dan ifisser li żdiedet l-effiċjenza, li wasslet biex għal kull 100 kawża ċivili li tidħol, jinqatgħu 118.
Dan ifisser li l-ammont ta’ kawżi Ċivili pendenti naqas bi 15% meta mqabbel mar-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern preċedenti, jiġifieri s-sena 2012.
Dan hu rifless ukoll fil-fatt li bħalissa l-ammont ta’ kawżi Ċivili pendenti huwa l-inqas minn kemm ilha tinżamm l-istatistika bis-sistema kompjuterizzata fil-Qrati.
Għal darb’oħra ġie reġistrat ukoll titjib fl-ewwel tliet xhur tas-sena fejn jidħol id-dewmien skont kejl u standard li jintuża minn entitajiet Ewropej.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja spjega fi stqarrija li dan ir-riżultat pożittiv huwa frott deċiżjonijiet importanti li ttieħdu matul din il-legiżlatura, b’lista sħiħa ta’ liġijiet li kellhom l-għan li jiffaċilitaw il-proċedura, miżuri tal-informatika u riżorsi ġodda lill-Ġudikanti bħalma huma l-Court Attorneys.
Il-Gvern mhux se jistrieħ fuq dawn ir-riżultati pożittivi u se jkompli jimbotta iktar riformi sabiex il-poplu jkompli jieħu servizz aħjar u dejjem iktar spedit.