Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali ħabbar azzjonijiet li ser jgħinu jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-Fondi Ewropej.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia hekk kif spjega li Malta tinsab fil-fażi finali ta’ negozjati għall-Budget ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021 sa 2027.
Prinċipali fost tliet azzjonijiet strutturali mħabbra mis-Segretarjat hemm taqsima ġdida li ser tgħin lil pajjiżna jassorbi aktar fondi mill-Kummissjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari, Farrugia stqarr li “Se nibdew inħarsu b’iktar dettall lejn programmi li tmexxi l-Kummissjoni. Programmi bħalma huma Life Plus, Digital Europe, l-Invest EU u oħrajn biex Malta tkompli tassorbi iktar fondi Ewropej fis-snin li ġejjin.”
Tħabbret ukoll riforma tal-Aġenzja EUPA, responsabbli mill-programmi edukattivi Erasmus+ u l-European Solidarity Corps.
Dan hekk kif fil-preżent għaddejja ħidma biex jirdoppjaw il-fondi għal dawn il-programmi.
Dan flimkien ma’ studju li ser ikejjel l-impatt tal-benefiċċji fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja li esperjenzaw permezz tal-Fondi Ewropej li diġà kisbet Malta. Dan sabiex jgħin iħejji pjan strateġiku għas-snin li ġejjin.
Dr.Farrugia spejga kif fin-negozjati għall-budget ġdid tal-Unjoni Ewropea, Malta diġà tinsab f’pożizzjoni tajba ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Dan speċjalment wara li użat il-massimu tal-fondi allokati lilha bejn l-2014 u l-2020.
“Bażikament Malta llum irnexxielha ssir l-eżempju għal pajjiżi oħra fl-immaniġjar tal-Fondi Ewropej. Malta nefqet sal-aħħar ċenteżmu kuntrarju għall-pajjiżi oħra li fl-aħħar studji li saru tilfu madwar 1.3 biljun ewro”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.