Diversi deputati Nazzjonalisti huma skomdi jwieġbu dwar il-gidba li rikbu fuqha b’rabta ma’ numru ta’ karti tal-identità foloz li dwar il-każ tressqu persuni quddiem il-Qorti.
Madanakollu, l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu l-gidba tal-eks Deputat Nazzjonalista u Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi li skontu kien hemm tmintax-il elf karta tal-identità falza li ħarġet minn Identità, biex imbagħad fil-Qorti ħareġ kif in-numru veru kien ta’ sebgħa.
Meta affaċċjati b’dan kollu biswit il-Parlament minn ġurnalist ta’ dan l-istazzjon, l-iskumdità kienet evidenti b’deputati differenti jipprovaw jaħarbu mill-mistoqsija b’mod differenti.
Ewlenin fost dawn kien hemm id-deputat Nazzjonalista, Alex Borg li weġibna hekk.
ĠURNALIST: “Jiddispjaċik li l-Partit Nazzjonalista rikeb fuq din il-gidba, taf x’ħareġ ilbieraħ fil-Qorti?”
ALEX BORG: “Jiena naħseb li taf li jiena kelliem t’Għawdex. Jiena Stefan lilek bħala Għawdxi naħseb aħjar tistaqsini fuq Għawdex x’ħa nagħmlu ‘l quddiem u l-viżjoni għal Għawdex.”
Borg meta ppressat saħansitra għażel li jipprova jaħsel idejh minkejja li hu kien fost dawk li rrepetew din il-gidba.
“Jiena ma gdibt f’xejn.”
Id-Deputat tal-PN, Alex Borg
Madanakollu, Borg jagħmel parti mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, li fi protesta li indirizza quddiem il-Qorti kien ċar jagħmel l-allegazzjoni ta’ Jason Azzopardi, tiegħu ukoll.
BERNARD GRECH: “Tmintax-il elf karta tal-identità foloz.”
JASON AZZOPARDI: “L-implikazzjonijiet huma kbar ħafna. Hawn qed nitkellmu fuq eluf ta’ nies, eluf kbar ta’ nies li rċievew u ngħataw minn Identity Malta.”
Fost id-deputati li staqsejna kien hemm Ryan Callus, li wkoll dawwar il-kliem fuq ħaddieħor.
“In-nies gidbu jiġifieri.”
Id-Deputat tal-PN, Ryan Callus
Dan ma kienx każ iżolat lanqas hekk kif id-deputati Mario De Marco u Ian Vassallo Hagi wieġbu hekk.
ĠURNALIST: “Jiddispjaċik li l-Partit Nazzjonalista rikeb fuq din il-gidba?”
MARIO DE MARCO: “Mhux kwistjoni li gidba jew le.”
IAN VASSALLO: “Jiena naf x’se ssaqsini.”
Imbagħad staqsejna lid-deputat David Agius, li jwieġeb l-istess kif ikun mistoqsi minn ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
“Ma nitkellimx mal-ONE. Le, mhux se nwieġeb lil ONE.”
Id-Deputat tal-PN, David Agius
In-nuqqas ta’ tweġibiet sar akkost ta’ kollox.
“Ħa jkolli mmur għax irridu nkomplu naħdmu ta.”
Id-Deputat tal-PN, Ian Vassallo