Tmien deputati Nazzjonalisti llejla mistennija jivvotaw kontra l-mozzjoni ta’ Adrian Delia. Il-mozzjoni ppreżentata jiem wara l-ħatra ta’ Delia fit-tmun tal-partit, titlob li persuni li jkunu għaddejjin mill-proċess tal-IVF ma jingħatawx 100 siegħa leave.
Din l-aħbar issegwi dik tal-bieraħ, li d-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ddikjarat li se tmur kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Bil-lista ta’ dawk kontra l-istess mozzjoni tkompli tiżdied.
ONE NEWS jinsab informat li minkejja li affaċċjat bi kritika ħarxa internament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia xorta waħda ddeċieda li mhux se jagħti free vote dwar din il-mozzjoni. Id-deputat nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li hi se tivvota kontra l-Partit Nazzjonalista, għaliex tħoss li għandha tivvota skont il-kuxjenza tagħha. Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu li mhux eskluż li Adrian Delia isejjaħ laqgħa urġenti tal-grupp Parlamentari wara r-rabja li qanqal fil-partit u l-pressjoni li qed jaffaċċja.
Id-Deputati Nazzjonalisti qed jargumentaw li Delia qed jagħmel U-turn wara l-oħra, dan hekk kif anke fuq dan il-vot ma żammx kelmtu. Dan hekk kif kien biss ftit jiem ilu li Delia qal li dwar kwistjonijiet morali se jkun qed jagħti free vote.