Fl-aħħar żviluppi mill-gwerra fl-Ukrajna, il-forzi Russi komplew bl-attakki tagħhom permezz ta’ missili u drones li ħallew minn tal-inqas tliet fatalitajiet u għaxar persuni oħra midruba.
Fil-mira tal-aħħar attakki kien hemm tlett ibliet Ukreni fosthom il-kaptiali Kyiv, fejn bħalissa jinsab ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, Josep Borrell, li qed jiddiskuti pjanijiet dwar għajnuna militari u finanzjarja.
Il-forzi Ukreni qalu li fl-aħħar sigħat interċettaw erbgħa u erbgħin drone u missila minn erbgħa u sittin li ġew sparati l-Erbgħa filgħodu.
Fi żvilupp separat, is-Senat Amerikan ma qabilx dwar l-aħħar pakkett ta’ għajnuna militari u finanzjarja għall-Ukrajna, minkejja l-pressjoni mill-Pentagon biex isir dan.
Dan kien ikkonfermat permezz tad-dikjrazzjoni li għamel il-Mexxej Repubblikan fis-Senat, Mitch McConnell, li l-abbozz ta’ liġi dwar dan huwa essenzjalment mejjet.
Fid-dawl ta’ dan l-iżviluppi, l-għajnuna mill-Pentagon f’isem il-Gvern Amerikan, kellha tieqaf ħesrem.