Proprju ftit jiem biss wara li sostenitur ta’ Repubblika ġie kkundattat mill-Qorti għal theddid kontra Jason Micallef, l-istess Micallef bl-assistenza tal-avukat Daniel Attard kellu jerġa’ jdaħħal rapport ieħor għand il-pulizija dwar persuni li l-kitba u l-kummenti tagħhom kienu jammontaw għal diskors ta’ mibgħeda fil-konfront tiegħu u anki fil-konfront ta’ membri tal-familja tiegħu.
Appena Jason Micallef ħabbar fuq il-midja soċjali li se jkun qed jieħu passi kontra dawn l-individwi, dawn il-kummenti tħassru.
Dawn il-kummenti dehru proprju taħt waħda mill-ħafna posts kontra Micallef li n-Nutar u President Onorarju tal-NGO Repubblika Robert Aquilina jħobb itella’ fuq il-paġna ta’ facebook tiegħu.
Dan huwa l-istess Robert Aqulina li bl-aktar mod sfaċċat qiegħed jakkuża lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li qed isaħħnu l-irjus u jinstigaw il-vjolenza.
Din mhux l-ewwel darba li sostenituri u segwaċi ta’ Repubblika għaddew kummenti ta’ mibgħeda u saħansitra anki kitbu messaġġi ta’ theddid fil-konfront ta’ Jason Micallef.
Dan ir-rapport huwa wieħed minn sensiela ta’ rapporti li Micallef kellu jieħu għand il-pulizija. Fil-fatt kif intqal qabel, diġà kien hemm persuni li nstabu ħatja mill-Qorti ta’ Malta f’dan ir-rigward u fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitressqu persuni oħra.