Il-Gvern estenda l-inizjattiva li permess tagħha infermiera li sfortunatament jimirdu serjament, jingħataw aktar flessibbiltà b’rabta ma’ xogħolhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb saħħithom filwaqt li jkollhom aktar serħan il-moħħ. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit mal-MUMN.
F’Kastilja, il-Prim Ministru elenka numru ta’ inizjattivi u miżuri li saru sabiex ikomplu jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari l-infermiera u l-qwiebel.
Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-ħsibijiet tal-unjin imbagħad sostna wkoll li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex itejjeb is-servizzi fil-qasam tas-saħħa, partikolarment fil-komunità.
Il-Prim Ministru semma wkoll prattiċi iżjed flessibbli għall-infermiera minħabba sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jinqalgħu fil-familji tagħhom. Qal li inizjattivi oħra fosthom suġġeriment tal-MUMN dwar infermiera ġodda li jaħdmu mal-kuntrattur jingħataw kors intensiv sabiex ikun assigurat kwalità fis-servizz, huma ppjanati li jkomplu jiġu introdotti.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex iżid in-numru ta’ infermiera li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, ħabbar li fid-Dipartiment tal-Emerġenza riċentament żdiedu 40 infermier ġdid.
Għan-naħa tal-Gvern, fil-laqgħa mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministri Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputati tal-Gvern Deo Debattista u Romilda Zarb u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.