B’investiment ta’ €17-il miljun f’fondi Ewropej ġiet implimentata mizura mill-Programm Rurali għal Malta, li tkopril-iżvilupp u t-titjib fl-aċċessibilità ta’ mija, ħamsa u disgħin triq rurali f’Malta u Għawdex. Dan se jkun t’għajnuna għal aktar minn tlett elef bidwi.
Fost il-benefiċċjarji ta’ din l-għajnuna kien hemm il-lokalità ta’ Kerċem li rċiviet tliet mitt elf ewro biex jitwettaq il-proġett fi Triq l-Għadira. Dan se jagħmel tajjeb għal sistema għall-ġbir tal-ilma biex ikun jista’ jituża mill-bdiewa għall-attivitajiet agrikoli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li din il-miżura tat is-sostenn lil erbgħa u tletin kunsill lokali biex isaħħu l-aċċessibbilità f’diversi żoni rurali.
Huwa qal: “Din hija miżura importanti li tagħti assistenza kemm lill-kunsilli lokalikif ukoll anki proġetti ta’ Infrastructure Malta fil-fatt ibbenefikaw iktar minn tmienja u għoxrin kunsill lokali. Din il-miżura wkoll tagħti 90% minn dawk l-ispejjeż eliġibbli allur ahija mezz ukoll kif nagħtu assistenza f’dan is-settur biex nassiguraw aktar aċċessibilità ħalli ż-żoni rurali ta’ pajjiżna jibqgħu jiġu msebbħa b’ħidma li jsir kemm mir-raħħala kif ukoll mill-bdiewa.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo spjega li l-Gvern qed jipprepara skemi t’għajnuna għas-seba’ snin li ġejjin bil-għan li jkompli jissaħħaħ is-settur agrikolu.
Huwa sostna: “Din il-miżura kienet importanti ferm sewwa għal Malta kif ukoll għal Għawdex u issa li aħna qegħdin inħarsu ‘l quddiem għall-programm li ġej il-ġdid. Irridu nippjanaw sabiex aħna nagħmlu l-ħajja tal-bidwi Malti u iktar feliċi u iktar inkunu nistgħu ngħinu min-naħa tagħna.”
Ritratti: MAFA/MFEA_PS