Investigazzjoni mitluba mill-Bank of Valletta ġabet fix-xejn allegazzjonijiet tad-deputat Nazzjonalista, Kristy Debono, li fil-Parlament ipprovat titfa’ dubju dwar self mill-bank.
Fil-Parlament, Kristy Debono qalet li semgħet li l-BOV qed ikun imħegġġeġ isellef ammonti sostanzjali ta’ flus lil individwi li għandhom rabtiet ma’ nies u kumpaniji ta’ poter.
Allegat ukoll il-bank kien qed jagħmel dan mingħajr is-sorveljanza jew l-approvazzjoni meħtiega.
Fi ftit kliem għamlet akkużi iktar serji li jistgħu jagħmlu ħsara lill bank. Qalet li l-BOV qed japprova s-self ta’ammont kbir ta’ flus ibbażat fuq konoxxenza, u mhux mertu.
Ftit jiem biss wara dawn l-allegazzjonijiet, il-BOV qal li se tibda l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ biex jara jekk l-allegazzjonijiet ta; Debono humiex fondati.
Ir-rapport li ħareg mir-riżultati tal-investigazzjonijiet intbagħat mhux biss lill-ufficcjali tas-sorveljanza, iżda anke lil awdituri esterni tal-bank. Minn dan kollu rriżulta li l-allegazzjonijiet ta’ Debono ma kienux minnhom.
Il-bord innota wkoll li l-opinjoni tal-awdituri esterni dwar l-istqarrijiet finanzjajri għas-sena li ntemmet fit-tletin ta’Settembru 2015, m’għamlet ebda kwalifika f’dan ir-rispett.
Dwar dan kiteb ukoll il-Kap Eżekuttiv, tal-Bank of Valletta, Mario Mallia, li spjega kif il-bank iħaddem kontrolli approvati minn istituzzjonijiet Ewropej.