Żewġ irġiel ġew akkużati li fl-4 ta’ Ottubbru li għadda daħlu fi blokka tal-appartamenti u ħarqu appartament f’Buġibba. Fil-Qorti nstema’ kif l-irġiel, Muhammed el Muslati u Mahmoud el Dubah kienu assistiti wkoll minn persuna oħra li deher iwassalhom mid-dar tagħhom fis-Swieqi lejn Buġibba fejn eventwalment allegatament taw in-nar lill-appartament. Fil-Qorti l-irġiel kienu assistiti wkoll b’interpretu hekk kif huma ma jitkellmux il-lingwi Maltija u Ingliża.
Fil-Qorti nstema kif l-irġiel inqabdu mill-kameras tas-sigurà dieħlin fl-imsemmija blokka u ħerġin ftot tal-ħin wara.
Assistiti mill-avukati Dr Amadeus Cachia u Dr Franco Debono l-irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. L-imputati talbu l-ħelsien mill-arrest madankollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat dwar dan hekk kif għad baqa’ numru ta’ xhieda pajżana sabiex jagħtu x-xhieda tagħhom f’dan il-każ. Il-prosekuzzjoni fakkret ukoll kif wieħed mill-irġiel, Muhammed el Muslati mhux l-ewwel darba li xellef difru mal-ġustizzja hekk kif tliet snin ilu huwa kien inqabad b’xabla waqt li kien ġewwa stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.