Viktoria Buza u Naeem Ullah telgħu il-Qorti mixlija li għamlu dikjarazzjonijiet foloz, sabiex Ullah li huwa mill-Pakistan, jiggwadanja ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Abela qalet kif Buza, li hija mill-Ungerija u Ullah allegatament għamlu dikjarazzjoni falza sabiex dawn jitqiesu bħala miżżewġin, u b’hekk Ullah jikseb ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
Buza li għandha wieħed u għoxrin sena ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha, u ġiet ikkundannata tletin jum priġunerija.
Ullah wieġeb mhux ħati għall-akkużi, iżda d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, u b’hekk inżamm arrestat.
Fil-Qorti l-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia spjega li f’reati bħal dawn fejn l-imputati jistgħu jeħlu sa sena priġunerija jew iktar, meta jkunu mwettqin minn persuni barranin, dawn il-persuni jekk jinstabu ħatja jiskontaw is-sentenza tagħhom, u jintbagħtu lura f’pajjiżhom.
B’hekk f’dan il-każ, Buza se tiskonta s-sentenza tagħha l-ħabs u tintbagħat lura fl-Ungerija, filwaqt li l-proċeduri kriminali kontra Ullah se jkomplu.