Żviluppi ġodda b’rabta maċ-ċirku ta’ pedofelija ma’ tfal Maltin wara li fil-jum tat-Tlieta tressqu żewġ t’irġiel oħra mixlija b’abbuż sesswali fuq tfal. Żejtuni u ieħor minn Kerċem kienu akkużati li abbużaw sesswalment minn ħames subien li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u s-17-il sena.
Iż-Żejtuni wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat li qed jidher għalih talab li l-klijent tiegħu jingħata trattament għalih. Fid-dawl ta’ dan huwa weħel sentejn u disa’ xhur ħabs filwaqt li l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona ordna 3 snin ta’ trattament fuqu u ordni ta’ protezzjoni għal minuri involut fil-każ.
L-akkużat Għawdxi l-ieħor m’ammettiex l-akkużi miġjuba kontrih u fil-Qorti nstema’ kif hu u ż-Żejtuni kienu jitolbu lis-subien biex jagħmlulhom pjaċiri sesswali billi jitkellmu magħhom online. Intqal ukoll li ż-żewġ t’irġiel kienu vjolenti mas-subien sabiex dawn jobduhom u qassmu materjal pornografiku. Fil-konfront tal-Għawdxi, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.