Michelle Wilson ta’ 51 sena li m’għandiex residenza fissa, inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata fost l-oħrajn li kkaġunat ġrieħi gravi fuq wiċċ mara oħra.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ian Vella spjegat kif il-każ ġara fil-Ġimgħa l-Kbira fil-pjazza tal-Isptar San Luqa meta l-imputata u l-allegat vittma marru jieħdu t-trattament tad-detox.
L-Ispettur spjega kif il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm kommossjoni f’dawn l-inħawi u meta marru sabu lill-akkużata b’arma f’idha, u mara oħra b’ferita fuq wiċċha.
L-arma hija kalzetta b’żewġ fliexken tal-fwieħa ġo fiha.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li tliet ijiem ilu kien hemm diżgwid bejn l-akkużata, il-vittma u l-għarus tagħha għax dan tal-aħħar ma riedx jagħti sigarett lil Wilson.
Żied jgħid li sabiex tpattihilom, l-imputata allegatament użat din l-arma.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, l-akkużata wieġbet mhux ħatja, filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
L-akkużata kienet assistita mill-avukat Dr Josephine Farrugia Mifsud.