Tfajla ta’ 20 sena minn Bormla ġiet akkużata li attakkat uffiċjali li waqqfuha bil-karozza wara li nnutaw li kienet qed issuq b’mod perikoluż.
Zoya Attard dehret quddiem il-Maġistrat Nadine Lia akkużata li insultat jew heddet uffiċjal tal-Pulizija u uffiċjal tat-Transport Malta, li rreżistiet b’mod vjolenti uffiċjal tal-Pulizija, kif ukoll li saqet b’mod perikoluż u mingħajr liċenzja.
Hija ġiet akkużata wkoll b’pussess ta’ droga ecstasy wara li fir-residenza tagħha nstabu tmien pilloli li huma maħsuba li huma droga illegali.
L-Ispettur Paul Camilleri qal fil-Qorti li l-uffiċjali nnutaw Toyota Corolla tinstaq b’mod perikoluż fil-Ħamrun, u Attard injorat l-ordnijiet biex tieqaf.
Il-Pulizija laħquha u hija waqqfet il-karozza. Hija rrifjutat li toħroġ mill-karozza u kompliet tirreżisti l-arrest. Fil-proċess ħalliet il-grif fuq id l-uffiċjali. Wara tfittxija fil-karozza ma nstab xejn, u minn hemm saret tfittxija fir-residenza tagħha, fejn instabu l-pilloli.
Attard wieġbet li mhux ħatja. L-avukati tagħha, David Gatt u John Bonello, għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest u din intlaqgħet b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €2,000. Hija ntalbet wuoll tiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-eqreb għassa tal-Pulizija.