Sofia Georgantas ta’ 36 sena mis-Serbja ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000 wara li tressqet il-Qorti akkużata li attakkat lill-eks sieħeb tagħha wara li ssuġġerixxa li jkollhom attività sesswali flimkien ma’ persuna oħra.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, l-ispettur tal-Pulizija Omar Zammit ressaq lil Georgantas il-Qorti u akkużaha li ppruvat tweġġa’ gravi lill-eks sieħeb tagħha b’oġett li jaqta’ u bil-ponta kif ukoll li kkaġunat ġrieħi ħfief fuqu u fuq mara oħra. Hi ġiet akkużata wkoll li hedditu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ il-Gżira bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru meta l-akkużata allegatament attakkat lir-raġel f’idu bi trabuxù wara li tatu daqqa’ fuq rasu b’ġarra tal-ħġieġ.
L-akkużata wieġbet li mhux ħatja. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha, u l-Qorti aċċettatha wara li qieset kollox.