Mara li qed tkun akkużata bil-qtil ta’ żewġ anzjani Ingliżi ġibdet filmati tagħhom fil-jiem ta’ qabel il-mewt. Filmati li jindikaw li kienet qed tagħmel hekk biex tipproteġi lilha nnifisha hekk kif f’wieħed minnhom tinstema’ ssaqsi lill-anzjan, illum mejjet, jekk riedx imur l-isptar u hu weġibha le.
Pero kienu l-istess filmati li żiedu l-konvinzjoni tal-prosekuzzjoni li Dragana Mijalkovic żammet fi stat ħażin u ta’ abbandun liż-żewġ anzjani. Fl-ewwel każ il-vittma kien David Grant li kien jgħix f’appartament bieb ma’ bieb ma’ tagħha.
Sa dakinhar Mijalkovic ma kienet suspsettata b’xejn. Iżda, meta fl-istess appartament miet Neville Ayres u l-pulizija kienet mgħarfa bil-każ ta’ xhur qabel bdew jinbtu s-suspetti. L-investigazzjoni intensiva waslet biex is-Serba ta’ 42 sena llum qed tiffaċja l-proċess ġudizzjarju.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Prosekutur Fabian Fleri ta rendikont ta’ għadd ta’ nuqqasijiet kbar oħra li ħallew impatt negattiv fuq saħħet il-vittmi.
Fosthom l-amministrazzjoni tal-mediċini bl-addoċċ mingħajr preskrizzjoni tat-tabib, anke jekk hi ma kinetx imħarġa tagħmel dan. Il-mara li mid-dehra kienet tiffrekwenta sikwit postijiet tal-logħob fosthom il-Casino, kien ikollha fil-pusess tagħha l-credit cards u dokumenti oħra tal-anzjani li llum huma mejtin.