Raġel mill-Mali qed jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ stupru fuq mara ta’ 72 sena.
Dan filwaqt li Mamadou Sakine ta’ 33 sena allegatament kkawża feriti ħfief fuq il-vittma, żammha kontra l-volonta tagħha, u ġiegħlha tibża’ li se jagħmel iktar atti vjolenti fuqha.
Fl-awla nstema’ ukoll kif l-imputat ipprova jiġbed mitejn u ħamsin ewro minn ATM minn card tal-bank li sab f’kartiera misruqa.
L-ispettur John Spiteri fakkar kif il-każ ħareġ fil-beraħ wara li marret l-isptar minħabba uġiegħ f’sidirha u qalet li kienet ilha xhur tiġi abbużata u stuprata b’mod vjolenti ġewwa darha.
Iżda d-difiża qalet li l-akkużat stqarr li kien filfatt f’relazzjoni mal-vittma u kien qed jgħix magħha, minkejja tweġiba mill-vittma li daħlitu jgħix magħha għaliex tħasritu.
Il-Qorti għaldaqstant irrifjutat li l-akkużat jinħeles mill-arrest.