Raġel ta’ 28 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat wara li allegatment stupra lill-eks sieħba tiegħu darbtejn waqt li kienet tqila bit-tarbija tiegħu.
Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-allegat każ seħħ f’Jannar u fil-Qorti ntqal kif preżenti kien hemm xi minuri li għad iridu jixhdu.
Id-Difiża, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li l-akkużat hu affidabbli.
Żiedet li r-raġel obda l-kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest u m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi għax l-inkjesta maġisterjali hi magħluqa u diġà tressqu xi xhieda.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax baqa’ xhieda ulterjuri u minħabba pressjoni li tista’ ssir fuq l-allegat vittma.
Barra minn hekk, intqal kif l-akkużat għandu fi ħsiebu li jmur it-Turkija għal intervent mediku.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-familjari tal-akkużat ikkuntattjaw lill-vittma u għeddewha saħansitra b’familtha biex joħolqu pressjoni fuqha.
Id-Difiża argumentat li m’hemm ebda kommunikazzjoni min-naħa tal-akkużat filwaqt li l-allegat vittma ppruvat tkellem lill-akkużat.
Il-Maġistrat Monica Vella, appellat lilll-Prosekuzzjoni biex ix-xhieda li fadal issir kemm jista’ jkun malajr.