Raġel wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti akkużat li spara fuq il-klieb tal-ġirien tiegħu, fejn qal li l-klieb kienu qed joqtlulu t-tiġieġ u l-annimali tar-razzett.
Carmel Dimech deher quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, akkużat fuq moħqrija tal-annimali u li abbuża mil-liċenzja tal-arma tan-nar wara li spara u darab wieħed mill-klieb tal-ġirien.
L-avukat difensur Joe Giglio qal lill-Qorti li Dimech, li għandu 56 sena residenti r-Rabat tilef sebat frieħ tal-qtates, sitt iqtates, numru ta’ tiġieġ u kif ukoll dundjani li kienu lesti għal żmien il-Milied fejn rigward dan ma kienx għamel rapport mal-Pulizija sabiex ma jaqlax inkwiet mal-ġirien. Dimech ipprova kemm il-darba jkellem lill-ġirien dwar il-klieb.
L-Ispettur Robert Vella kkonferma li l-unika rapporti li waslu għand il-Pulizija kienu dawk li saru dwar l-inċident tal-isparatura hekk kif ittieħdu passi mill-ġirien wara dak li seħħ.
Giglio qal li qabel dan l-inċident, is-sid kien weħel multa ta’ €50 wara li ma kkontrollax lill-klieb tiegħu.
Dimech spara biex jipproteġġi lill-annimali tiegħu, wara li tilef bosta minnhom wara attakki li saru mill-klieb.
Meta l-Qorti staqsiet lill-akkużat dwar kif spara u laqat lill-kelb, l-akkużat wieġeb li wieħed mill-klieb kien ħarab iżda l-ieħor baqa’ hemm. Kien dak il-ħin li hu spara qrib il-kelb iżda minkejja li ma laqtux, il-fdalijiet tal-balla ħabtet ma’ ħajt bil-konsegwenza li laqtet lill-klieb.
Fil-Qorti ġew esebiti sitt armi tan-nar, fejn dak li ntuża fl-inċident inżamm mill-Pulizija. L-oħrajn ġew irritornati lura għand is-sid.
Il-każ mistenni jkompli.