Nazzareno Deguara, Żejtuni ta’ 45 sena ġie arrestat u akkużat fil-Qorti b’serqa ta’ kollezzjoni kbira ta’ arti minn residenza privata f’Ħal Balzan.
Huwa ġie mixli permezz ta’ ċitazzjoni, bil-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu mistennija tibda fi Frar quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li nsterqu wieħed u għoxrin pittura li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €172,000.
Il-pitturi kollha huma xogħlijiet antiki u oriġinali u ġejjin minn kollezzjoni li kienet qed tinżamm f’residenza kbira, magħrufa bħala palazzo, fi Triq il-Kbira, f’Ħal Balzan.
Din is-serqa kienet irrappurtata minn anzjana li toqgħod f’dan il-palazz maġenb il-Knisja ta’ Ħal Balzan, ix-xahar li għadda.
Jidher li r-raġel kien jitla’ jħuf fid-dar malli l-anzjana tagħmillu t-te jew tidħol tuża l-kamra tal-banju.