Ġuvni ta’ 25 sena li għandu l-vizzju tad-droga nżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq numru ta’affarijiet, fosthom kelb ta’ mara minn residenza f’Ħal Qormi.
Andreas Buhagiar, li hu mingħajr impjieg u mistenni jattendi għal programm ta’ rijabilitazzjoni, ġie akkużat li seraq ammont ta’ flus kontanti, mowbajl kif ukoll kelb waqt għadd ta’ serqiet minn farmhouse bejn l-10 u t-18 ta’ Jannar minn Ħal Qormi.
Hu kien ukoll akkużat li seraq vettura tat-tip Mercedes tal-istess persuna, iżda ma rnexxilux iwettaq din is-serqa hekk kif twaqqaf.
Buhagiar ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet li kellu minn każ preċedenti wara sentenza li ngħatatlu fl-2017. L-avukat tal-akkużat, Simon Micallef Stafrace, talab għall-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba ma ntlaqatx.
Dan għaliex wieħed mix-xhieda huwa persuna li kien ħabib tiegħu u kien għalekk li l-prosekuzzjoni ma qablitx li hu għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur sostna li l-akkużat mgħandux jiġi afdat u dan għax ftit tax-xhur ilu ngħata sentenza sospiża fuq akkużi simili. Il-Qorti ddeċiediet li l-akkużat jinżamm arrestat sakemm l-vittma jgħati x-xhieda tiegħu.