Mohammed Mokhtar Jamhur, Libjan ta’ 30 sena li qed ikun akkużat b’serq ta’ kaxxi ta’ luminata u rota ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Huwa qed ikun akkużat wkoll li huwa riċediv hekk kif lura fl-2016 irċieva sentenza sospiża wara li ta daqqa ta’ sikkina lil-maħbub ta’ martu. Tlett ijiem wara huwa reġa’ deher akkużat li hedded lill-istess raġel. Fl-2017 huwa nstab ħati b’kompliċità f’serq. Hawnhekk kienet ġiet estiża l-ordni ta’ probation tiegħu biex ftit wara reġa’ tressaq il-Qorti akkużat li prova jiftaħ u jidħol ġo karozzi pparkjati.
Id-Difiża stqarret li l-akkużat ser ikun qed jammetti għall-akkużi u ssuġġeriet li tingħata probation. Il-Qorti minflok iddeċidiet li jsir rapport qabel tingħata s-sentenza.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €8,000. Dan filwaqt li ġie ordnat jobdi l-uffiċjal li ser ikun qed isegwih u li jobdi kundizzjonijiet li ma joħroġx mid-dar f’ċertu ħinijiet.