Burton Azzopardi ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar, inżamm arrestat wara li ġie akkużat li pprova jikkorrompi xhud, b’rabta ma’ każ ieħor li qed jinstema’ fil-Qorti.
L-allegat każ seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Birgu, meta l-imputat għamel kuntatt ma’ mekkanik, li kien ġie mhedded minn qarib tiegħu li anki pprova jtajru wara tilwima b’rabta ma’ kwalità ta’ xogħol.
L-imputat allegatament avviċina lill-mekkanik u offrielu ammont konsiderovoli ta’ flus kontanti u arloġġ tad-ditta.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kien riċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest, wara li qam l-argument li l-imputat għandu n-negozju tiegħu u bintu ma tiflaħx.
Il-Prosekuzzjoni esprimiet il-biża’ li l-akkużat jerġa’ jagħmel l-istess u għall-istess raġuni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.