John Oloko ta’ 36 sena min-Niġerja inżamm arrestat wara li ġie akkużat b’seba’ akkużi fosthom li ħebb, għajjar u weġġa’ ħafif lill-pulizija fost oħrajn.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Ryan Vella spjegat li fil-ħdax ta’ April għall-ħabta tan-nofsiha ta’ waranofsinhar fi Triq it-turisti, il-Qawra, il-pulizija kellha tintervjeni wara li l-akkużat ma riedx iħallas il-flus biex jitla’ fuq tallinja u beda jiġġieled max-xufier.
Wara li l-pulizija irnexxiela tniżżel lill-akkużat minn fuq tallinja, l-akkużat baqa’ jirreżisti u b’konsegwenza ta’ hekk kkaġuna ġrieħi ħfief liż-żewġ uffiċjali tal-pulizija waqt l-arrest tiegħu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-każ.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat mgħandux xogħol u lanqas għandu residenza fejn jgħix.