Ossama Boushra ta’ tlieta u ħamsin sena wieġeb mhux ħati wara li ġie mixli bi qtil involontarju b’rabta mal-mewt ta’ anzjana, li nqabdet taħt ir-rota tax-xarabank, li kien qed isuq.
L-aċċident seħħ fl-24 ta’ Novembru s-sena l-oħra meta, għal xi raġuni, il-kowċ, li kienet għadha kemm wasslet grupp ta’ anzjani għal attività soċjali ta’ David Casa f’Villa Blanche, f’Ħal Far, laqtet tliet anzjani li kienu se jaqsmu.
Sfortunatament, waħda minnhom inqabdet taħt l-istess xarabank. Għalkemm issejħet mill-ewwel l-assistenza medika, il-mara ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, xehed l-Ispettur John Sammut, li kien minn tal-ewwel li wasal fuq il-post fejn sab il-vittma taħt il-vettura, waqt li s-sewwieq kien taħt xokk qawwi.
Kien hawn li qal li, wara li tniżżlu l-passiġġieri, meta x-xarabank imxiet f’daqqa waħda u seħħ l-aċċident.
Ix-xufier, li ġie informat li kien taħt arrest u ġie interrogat l-għada, qal fl-istqarrija lill-pulizija li x-xarabank “kienet bil-ħsara”.