Clifton Grech, ta’ 29 sena minn Santa Venera, ngħata ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati wara li ġie akkużat li kien kompliċi f’serqa li tammonta ‘l fuq minn €2,300 minn residenza fl-Imġarr f’Ġunju.
L-avukat difensur spjega kif l-akkużat tressaq il-Qorti wara li saret investigazzjoni minn filmat ta’ kamera tas-sigurtà u kif ukoll li l-mowbajl tas-suspettat bħalissa jinsab fil-kustodja tal-Pulizija u b’hekk m’hemm l-ebda ċans li jsir tbagħbis fl-evidenza.
Wara li dan ġie kkonfermat mill-prosekuzzjoni u kif ukoll ħadu inkosiderazzjoni l-fatt li l-akkużat kellu kondotta nadifa, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale laqgħet it-talba ta’ ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat irid jiffirma erba’ darbiet fil-ġimgħa fl-eqreb għassa u jista’ joħroġ mid-dar mis-7:00 ta’ filgħodu filwaqt li jrid ikun lura d-dar fil-17:00 ta’ wara nofsinhar.