Raġel akkużat b’inċident li kien jinvolvi t-tkissir ta’ ħġieġa ta’ quddiem ta’ karozza, allegatament hedded li kien se jakkuża b’mod falz lill-uffiċjali tal-Pulizija li kienu serqulu €20,000.
Lamin Samura Seguba, Gambjan ta’ 37 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo wara li ġie arrestat il-Ħamis waranofsinhar f’San Pawl il-Baħar.
L-Ispettur Ryan Vella spjega fil-Qorti x’wassal għall-arrest tal-akkużat hekk kif sid il-vettura sostna li kien l-akkużat li kissirlu l-ħġieġa ta’ quddiem tal-karozza tiegħu. Meta l-Pulizija avviċinat lill-akkużat, hu rrifjuta li jagħti d-dettalji u saħansitra ta isem falz.
Wara li ġie arrestat instab li kellu fil-pussess tiegħu sikkina u hedded li kien se jakkużahom li serqulu €20,000.
Wara li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet din it-talba minħabba s-serjetà tal-akkużi kif ukoll minħabba l-possibiltà ta’ tbgaħbis fil-provi.