Abdirizaq Hussein Galle ta’ 33 sena mis-Somalja inżamm arrestat wara li ġie akkużat li hedded persuna b’sikkina wara li ma tħalliex jidħol fil-bank tal-ikel ‘Wishing Others Well’ f’San Ġiljan minħabba li kien xurban. Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-imputat, li joqgħod fl-Open Centre tal-Marsa, u qed jiġi akkużat li ġarr strument li jaqta’ fil-pubbliku mingħajr liċenzja tal-Pulizija, li insulta u hedded persuna, u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa ġie arrestat fis-17 ta’ April fid-9:15 ta’ filgħaxija ħdejn il-Millennium Chapel.
L-ispettur Brian Xuereb qal lill-Maġistrat Leonard Caruana li l-akkużat kien aggresiv u aġitat, u ħareġ sikkina mill-qalziet. Wara li telaq minn ħdejn il-kapella, il-Pulizija lemħuh ħdejn ir-roundabout ta’ Portomaso wara li ġie identifikat mill-persuna li kienet ġiet mhedda. Is-sikkina nstabet qalb xi siġar baxxi. Waqt l-interogazzjoni, l-akkużat ċaħad li kellu sikkina u li dik li nstabet kienet tiegħu.