Fotografu kien akkużat li għamel atti sesswali ma’ tfajla ta’ erbatax-il sena wara li pprova jistada minn facebook għal ‘photoshoot’.
Michael Kingswell ta’ 36 sena minn Ħaż Żebbuġ inżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh dwar it-tlieta u għoxrin ta’ Marzu u fix-xhur u s-snin ta’ qabel.
L-akkużi ta’ Kingswell huma li kkorompa tfajla minuri, ipparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha bil-ħsieb li jiltaqa’ u jwettaq reat, ħadilha ritratti indiċenti u xerridhom fuq l-internet kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu ritratti indiċenti ta’ minuri.
L-akkużat kien ġie iddentifikat permezz tal-Interpol.
L-ispettur Joseph Busuttil xehed li mill-investigazzjonijiet irriżulta li Kingswell kien jgħid lit-tfajliet jikxfu l-parti tagħhom biex jieħdilhom ritratti aktar artistiċi.
Id-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-Qorti ordnat li jibqa’ jinżamm arrestat.
L-informazzjoni li l-pulizija kisbet mill-vittmi wasslithom għal fotografu ieħor, Roberto Rizzo ta’ sebgħa u tletin sena minn Marsascala li kien akkużat li bl-użu tat-teknoloġija kkomunika ma’ minuri bil-ħsieb li jiltaqa’ magħhom u jieħdilhom ritratti indiċenti u jxerridhom.
Fil-Qorti, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat difensur jitlob għall-ħelsien mill-arrest.
F’dan l-istadju l-Qorti ċaħhdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat inżamm arrestat.