Raġel baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament, żamm u aggredixxa sesswalment lil mara li tagħmel il-massaġġi fl-appartament tiegħu.
Vartak Ashutosh Chandrakant, ta’ 31 sena mill-Indja, tressaq il-Qorti akkużat li kkommetta att sesswali mingħajr il-kunsens ma’ Ukrena fl-appartament tiegħu fil-Pietà, u li żammha kontra r-rieda tagħha biex jisfurzaha tagħmel atti li ma riditx.
Il-Pulizija rċevew rapport is-Sibt mill-mara, li l-akkużat sakkarha fl-appartament tiegħu, wara li qabdilha sidirha u saqajha meta marret biex tagħmillu l-massaġġi.
Fil-fatt, allegatament, iż-żjara tal-masseuse ma marritx kif ippjanat, hekk kif l-akkużat baqa’ jinsisti li l-mara tagħmel atti sesswali miegħu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li r-raġel ħeles lill-mara meta hedditu li se ċċempel lill-Pulizija.
Malli ħarġet mill-appartament, il-vittma ċempel lill-Pulizija, li meta waslu sabu l-bieb imsakkar. Persuna li tgħix mal-akkużat waslet dak il-ħin u fetħitlu l-bieb.
Il-Pulizija sabu lil Chandrakant fl-appartament, mitfugħ fuq is-sodda.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.
Il-Qorti talbet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq liż-żewġ xhieda ċivili mill-aktar fis possibbli.