Jason Zammit ta’ 47 sena residenti Tal-Pieta’ baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi traffikar tad-droga.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ġie spjegat kif il-Pulizija rċeviet informazzjoni li allegatament kien se jsir negozju tad-droga fl-istess lokalità.
Aktar qabel, fi stqarrija l-Pulizija qalet kif ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ċċirkondat ir-residenza tar-raġel, iżda malli nduna bil-Pulizija pprova jaħrab u saħansitra deher jarmi xi oġġetti fit-triq.
Ir-raġel ġie arrestat u f’baskett li kien qiegħed iġorr, instabet madwar kilo sustanza suspettata kokaina, kif ukoll ammont żgħir ta’ sustanza allegatament eroina.
Mill-investigazzjonijiet illi saru jirriżulta li d-droga misjuba, kieku laħqet inbiegħet fis-suq kienet tlaħħaq madwar €60,000.
Aktar tfittxijiet saru fir-residenza tiegħu fejn instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar taddroga u ammont ta’ flus kontanti.
Filwaqt li akkużatu li sar riċediv, il-Prosekuzzjoni akkużat ukoll lil Zammit li din id-droga nstabet fuqu ħdejn il-Klabb tal- Pietá Hotspurs FC, li tagħmilha reat għax huwa post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
L-Ispettur Prosekutur Jonathan Pace qal kif fil-jiem li għaddew l-akkużat kien involut f’argument li fih intuża mus u għalhekk f’idu kellu viżibbli xi qtajja.
Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li talbet sabiex l-akkużat jingħata l-kura meħtieġa. Huwa qal ukoll kif jumejn ilu daħlu fuqu d-dar u tawh xeba’ mus.