Raġel ta’ 30 sena minn Bormla, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, sabiex tiġi protetta l-identità tal-minuri ingħata ordni ta’ probation għal 3 snin, kif ukoll ġie ordnat li jieħu t-trattamenti meħtieġa, fosthom għall-anger management, wara qbil bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni.
Dan wara li ammetta li hedded lis-sieħba tiegħu, li jqatta’ lil binhom ta’ xahar u nofs b’mus u jġibu qisu jigsaw puzzle.
Huwa ġie akkużat mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ukoll li pprova jaħrab mill-Pulizija, kif ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qrati, fosthom dik tal-probation.
Fil-Qorti ntqal li s-sieħba, ma kellhiex biżà mill-imputat hekk kif hija kompliet bir-relazzjoni tagħha miegħu.
Fil-Qorti ntqal kif il-verżjonijiet tal-mara, kienu f’xi waqtiet inkonsistenti, hekk kif hija tinsab għaddejja minn post-natal depression, u b’hekk ingħatat parir sabiex tfittex l-għajnuna.
L-Imputat, qal li huwa lest li jissokta bir-relazzjoni, ladarba t-tnejn li huma jfittxu l-għajnuna.
F’messaġġ li għaddiet il-Maġistrat Frendo Dimech, qalet li lanqas l-annimali ma jweġġgħu lil uliedhom, hekk kif dan imur kontra l-istint tagħhom.
Għal dan, ir-raġel wieġeb li huwa jħobb lil ibnu u jaghmel kollox għalih.