Mara u raġel li ilhom għaddejin f’battalja legali bejniethom żvolġiet f’akkużi t’abbuż fuq ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar minħabba li jrid jiġi protett l-allegat vittma.
Ir-raġel jinsab mixli b’abbuż fuq ibnu li ħareġ fid-dawl wara rapport mis-social workers li sar fuq affarijiet li nnutaw xi għalliema fl-iskola.
Fil-Qorti ntqal li allegatament ir-raġel darba tefa’ l-basket tal-iskola tat-tifel mit-tieqa tal-karozza ‘l barra. F’okkażjoni oħra, it-tifel ittieħed għand tabib li kkonkluda li kien qed ibati minn qtugħ ta’ nifs wara li allegatament seta’ prova jiġi fgat.
Intqal ukoll li darba minnhom il-missier allegatament qafel lil ibnu barra fil-gallarija filwaqt li r-raġel kien ikollu xi jgħid man-nanniet minħabba l-mod ta’ kif kien jitratta t-tifel.
Id-difiża għall-akkużat sostniet li r-raġel għandu kondotta nadifa u meta kien hemm akkużi li r-raġel seta’ abbuża sesswalment mit-tifel ma nstabux provi fuqu.
Filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, l-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ ħames t’elef ewro. Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużat għall-ebda raġuni ma jkollu kuntatt ma’ ibnu.