Raġel ta’ 27 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest, b’għadd ta’ kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti mixli b’allegat vjolenza domestika fuq l-eks-sieħba tiegħu, li hija wkoll omm uliedu ta’ erba’ snin u tarbija ta’ tmien xhur.
Il-Prosekuzzjoni, spjegat kif l-allegat vittma, qalet li kien hemm ftehim sabiex huwa jagħti xi rigali lit-tfal, fejn huwa talabha li jmur wara r-residenza tagħha, fejn hija qaltlu biex ma jmurx minħabba missierha. Minkejja dan, intqal li hu xorta waħda mar, u sussegwentament, ħebb għaliha u kkawżalha ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Hija qalet ukoll li bdiet tirċievi għadd ta’ messaġġi insultanti , filwaqt li huwa sabbtilha l-mowbajl mal-art. Hija ammettiet ukoll li huwa ġabru lura, u ma kkawża ebda ħsara. Dan filwaqt li d-difiża qalet li kienet hi li waqqgħet il-mowbajl. Intqal ukoll li hija offendietu bl-għeżież tiegħu fil-kafetterija fejn kienet.
Fil-Qorti, ntqal kif dan ma kienx l-ewwel rapport li hija għamlet fil-konfront tiegħu, hekk kif anke minn risk assessment li sar, irriżulta, li din kienet f’periklu estrem.
Intqal ukoll, kif huwa ilu ma jara lil uliedu għal tliet xhur, sa minn meta waqfet ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
Id-difiża, qalet li jinsab għaddej każ ieħor, fejn l-allegat vittma, sawtet lil ommu, fejn l-allegat vittma kienet theddu li ċċaħħdu minn uliedu.
Fl-awla, l-imputat u l-qraba dehru viżibbilment emozzjonati hekk kif issemmew l-ulied.
L-imputat, kien ukoll rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli, minkejja li qatt ma kellu problemi ta’ saħħa mentali preċedentament. Dan filwaqt li huwa kkopera mal-Pulizija.
Id-difiża, tkellmet dwar kif huwa kien sejjer kunċert tal-iskola tat-tifla, u l-omm ma bagħtitx lit-tifla l-iskola sabiex ma jkunx jista’ jaraha. Huwa saħansitra ma jafx jekk it-tarbija hijiex mgħammda, hekk kif l-omm ittella’ ritratti tat-tarbija b’libsa tal-Magħmudija.
Huwa qal kif saħansitra pprova jmur il-parents’ day tat-tifla, u hi ma ħallitux. Qal kif, huwa baqa’ jħallsilha l-kera anke meta ma baqax jgħix magħha, u dejjem xtara dak kollu li hemm bżonn għat-tfal.
Intqal ukoll, kif hija ma ħallitux imur għall-okkażjoni tal-preċett ta’ ibnu l-ieħor, filwaqt li lanqas kienet tħallih imur il-gym.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest, tad-difiża, saret ukoll fuq il-bażi li missier l-imputat jinsab marid, u qed jiġi rikoverat fl-Ingilterra.
Hawnhekk, il-Prosekuzzjoni, spjegat kif l-imputat qed jiġġieled sabiex jara lil uliedu, hekk kif huwa dejjem stinka biex jara lil uliedu, tant li kien ukoll f’impjieg part-time.
Kien għalhekk, li l-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet. Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.