Għawdxi ta’ 40 sena ġie mixli fil-Qorti t’Għawdex li, fil-jiem u x-xhur ta’ qabel, hedded u kkawża biża’ fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
L-Ispettur Mario Xiberras, f’isem il-Prosekuzzjoni, spjega li l-każ beda meta l-mara marret tagħmel rapport fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex, minħabba theddid kontinwu verbali li, mill-assessjar tal-ħaddiema soċjali, instab li din kienet f’risku għoli.
Ingħad li l-eks sieħba qalet li l-aħħar argument bejniethom inqala’ meta rċeviet messaġġ mill-iskola tat-tifel biex jinformawha li dan ma kienx mar l-iskola. Hi qalet li marret quddiem il-bieb tad-dar tal-eks sieħeb tagħha biex titlob spjegazzjoni.
Hawn ir-raġel allegatament qalilha biex titlaq ’l hemm “għax inballtek”, waqt li kompla jheddidha li ma ddumx ma ssir taf safejn kapaċi jasal.
Il-mara ddikjarat ukoll li, ftit jiem qabel, hu kien ċemplilha appena waslet lura Malta minn barra u qalilha li se jmur għaliha l-Airport u jaqtagħlha rasha.
Fil-Qorti, Dr Daniel Calleja, li deher għall-akkużat, qal li ma kienx qed jikkontesta l-validità tal-arrest, iżda talab għall-ħelsien tiegħu, anke għax kien lest joqgħod għal kull kundizzjoni imposta mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tenniet li, kemm-il darba dan isir, għandhom jiġu imposti kundizzjonijiet stretti ħafna, waqt li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni għall-vittma u xi qraba tagħha.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, tat il-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq depożitu ta’ €550 u garanzija personali ta’ €2,000, minbarra l-kundizzjonijiet li ma jistax joħroġ mill-pajjiż, irid jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tar-Rabat, u ma jistax ikun barra mid-dar bejn id-09:30 ta’ filgħaxija u l-05:30 ta’ filgħodu.