Fil-lokalità taż-Żurrieq, sebgħa u għoxrin familja se jkunu qed jidħlu fl-appartamenti fi blokka ġdida msemmija għall-mibki eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. Dawn l-appartamenti, b’investiment ta’ €3.5 miljun, ingħataw wara proċess ta’ verifika, biex jingħataw lill-familji li huma verament fil-bżonn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fl-istess appartamenti, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, qal li l-għan mhux biss li jinbnew il-binjiet ġodda, iżda li kull min hu fil-bżonn jingħata spinta meħtieġa.
Il-Ministru Galdes qal li din il-binja hi parti minn proġett ferm akbar, li se jara l-bini ta’ madwar 1,700 appartament tal-akkomodazzjoni soċjali, mifruxin mal-pajjiż kollu.
Hu qal li dan il-proġett hu l-akbar programm ta’ bini soċjali f’pajjiżna.
Qal, “Bħalissa għaddej ix-xogħol madwar il-pajjiż kollu, f’diversi siti, bil-għan li nilħqu anke l-mira tagħna li nibnu 1,700 appartament. Sebgħa u għoxrin familja ta’ nies li ġejjin joqogħdu fiż-Żurrieq, bil-għan li jiġu integrati fil-komunità wkoll, ikunu ġejjin minn familji li jgħixu fl-akkwata wkoll, allura l-iskop tagħna li nsaħħu s-sisien soċjali, anke l-istokk li jkollu l-Gvern biex jgħin familji vulnerabbli.”
Żied jgħid li din is-sistema hi msejsa fuq l-appoġġ, filwaqt li l-prijorità tibqa’ dejjem il-ġustizzja soċjali.
Qal, “Aħna dak li nwegħdu nwettquh. Proġetti bħal dawn qegħdin hemm, qed isiru u se nkunu qegħdin, fil-futur, ninawguraw blokok kbar li jkomplu jsaħħu l-portata tagħna fil-qasam soċjali.”