Isem pajjiżna kompla jkun imfaħħar għal koperazzjoni ma’ entitajiet barranin b’antiċipazzjoni għall-Europride, li se jkun qed jittella’ fostna xahrejn oħra.
Is-servizz ta’ akkomodazzjoni għal persuni LGBTIQ+, imsejjaħ misterb&b, innota l-ospitalità li se jkollhom f’pajjiżna għal dan l-avveniment.
Misterb&b imbarka fuq inizjattiva bl-isem ta’ Silver Pride intiża biex tagħmel il-Gay Pride ta’ din is-sena aktar inklussiva anke għal anzjani tal-komunità LGBTIQ+.
Fil-fatt dan is-servizz se jkun qiegħed jikkollabora ma’ għaqdiet f’diversi pajjiżi fejn se tittella’ l-Pride March. Fosthom f’Pariġi fejn is-servizz se jkun qiegħed joffri akkomodazzjoni għal persuni anzjani tal-komunità tul fejn se tittella’ l-Pride March biex anke huma jkunu jistgħu jiċċelebraw il-kisbiet tal-istess komunità.
L-istess se jkun qiegħed iseħħ f’pajjiżna fejn is-servizz misterb&b ukoll se jkun qed joffri aktar opportunitajiet għal persuni anzjani waqt li se tkun qed tittella’ l-Europride. Fl-istess ħin se jkun qed jintbagħat messaġġ favur aktar inklużjoni u ugwaljanza.
Dawn l-inizjattivi se jkomplu jingħaqdu ma’ kullana ta’ inizjattivi b’rabta mal-akbar ċelebrazzjonijiet fl-Ewropa tal-komunità LGBTIQ+ li wkoll se jkunu qegħdin jiċċelebraw it-traġitt ta’ pajjiżna f’dan il-qasam u li wassal biex fl-aħħar snin iddominajna l-klassifika dinjija bħala l-aktar pajjiż bi drittijiet għal persuni LGBTIQ+.