Nhar it-Tlieta 21 ta’ Diċembru, fil-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun se ssir Akkademja Mużikali mill-Banda San Gejtanu.
Dan l-avveniment se jkun qed jagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet imtella’ sabiex jitfakkar it-350 sena minn meta San Gejtanu ġie kkanonizzat.
F’din l-Akkademja li se tibda fis-7:30pm se jindaqqu diversi bċejjeż mużikali mill-arkivju rikk tal-Għaqda u siltiet ġodda, li ser jindaqqu għall-ewwel darba waqt din l-okkażjoni.
Il-Banda San Gejtanu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Mro. Jonathan Borg u se jieħdu sehem ukoll il-kor Bel Canto, is-Sopran Claire Caruana, it-tenur Joseph Aquilina, il-baritonu Albert Buttigieg u l-kantant Mark Tonna.
Id-dħul għal dan l-avveniment huwa b’xejn u se jkun konformi mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.