“Il-Blue Heroes għandhom iqumu jsabbtu saqajhom u jsalvaw il-Partit Nazzjonalista.” Hekk stqarr l-akkademiku Mario Thomas Vassallo fuq il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu. Dan wara li ġie ppubblikat l-istħarriġ tat-Times of Malta, li wera kif Bernard Grech reġa’ naqqas filwaqt li baqgħet b’saħħitha l-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista reġa’ żied.
Vassallo stqarr li l-Blue Heroes għandhom iqumu malajr kemm jista’ jkun biex isalvaw il-partit: “Huwa wake up call oħra għall-Blue Heroes biex iqumu fuq saqajhom, isabbtu saqajhom u jsalvaw il-partit, ma jistgħux jibqgħu reqdin il-Blue Heroes, qabel l-elezzjoni ġenerali.”
L-hekk imsejħa ‘Blue Heroes’ kienu taw it-tmun tal-Partit lil Bernard Grech wara li qamu kontra Delia bl-iskuża li ma kienx qed iġib riżultati tajbin fis-surveys. Kien għalhekk li l-akkademiku Mario Thomas Vassallo nnota li jekk ma jqumux issa kontra Bernard Grech li qed iġib riżultati ħżiena wkoll, dan ikun ‘double standard’, b’referenza għal dak li sar m’Adrian Delia.
Il-Preżentatur stqarr: “U jekk ma jsirx hekk hija inġustizzja ma’ Adrian Delia.”
Mario Thomas Vassallo qal, “Mhux hekk hux, double standard.”
Mario Thomas Vassallo stqarr ukoll li wara l-elezzjoni ġenerali il-pressjoni sabiex il-Partit Nazzjonalista jinfired ser tiżdied. Dan hekk kif hemm qasma ideoloġika u allura m’hemmx triq oħra: “Ebda saltna maqsuma fiha nnifisha ma tista’ tieqaf fuq saqajha u l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum fih innifsu. Maqsum mhux jekk hux leader A jew leader B imma maqsum ideoloġikament u jiena wieħed li nemmen, ngħid u għidtha li wara l-elezzjoni li jmiss ser tikber l-għajta biex il-Partit Nazzjonalsta jinqasam f’żewġ partiti għaliex il-fazzjonijiet huma irrikonċiljabli.”
Fl-istess programm li fih Vassallo skrutinizza ż-żewġ partiti u x’qed iwassal għar-riżultati tas-surveys, stqarr kif bis-saħħa tal-Prim Ministru Robert Abela l-Partit Laburista rnexxielu joħroġ minn żmien diffiċli u jkompli jġedded lilu nnifsu.
Vassllo sostna: “Il-mod eċċellenti ta’ kif irriġenera lilu nnifsu huwa xi ħaġa inkredibbli u dan kollu mertu tal-Prim Ministru Robert Abela.”