Ix-xejriet pożittivi li nnutaw l-esperti tal-aġenzija ta’ kreditu DBRS ikkummentaw dwarhom ukoll l-ekonomista u lettur fl-Università ta’ Malta, Philip Von Brockdorff.
Huwa kompla fuq dak li qalu d-DBRS fejn spjega kif pajjiżna qed ikollu setturi oħra li fihom jimraħ u b’hekk l-ekonomija ta’ Malta hija iżjed diversifikata.
Von Brockdorff qalilna “Qed naraw fil-fatt setturi bħal blockchain u naturalment dak huwa importanti wkoll għaliex bih ukoll joħloq ċertu impjiegi. Jista’ jkun jaffettwa wkoll is-suq tax-xogħol pero importanti li setturi bħal dawn ovvjament jimirħu u naraw ovvjament espansjoni tagħhom gradwalment.”
Id-DBRS semmew ukoll setturi oħra li pajjiżna daħal fihom fosthom il-gaming.
Settur li tkattar u ġab setturi oħra tradizzjonali ferm inqas dipendenti fuqhom.
Hawnhekk l-ekonomista b’esperjenza wiesgħa qal li d-diversifikazzjoni fl-ekonomija hija importanti sabiex l-ekonomija ma ssofriex minn xokk li jista’ jgħattan l-andament ekonomiku ta’ pajjiż.
Huwa tenna jgħid li “Ikollna wkoll investiment f’setturi ġodda u għalhekk kif għedt qabel ukoll, f’każ ta’ slow down ekonomiku internazzjonali, Malta bħala ekonomija tkun iktar reżiljenti, u dak huwa naħseb importanti ħafna għalina bħala Malta”.
Fl-aħħar rimarki tagħhom, l-ekonomisti tad-DBRS qalu li l-wirja ekonomika ta’ Malta kienet waħda eċċezzjonali bi tkabbir ekonomiku medju ta’ 7.2% bejn l-2013 u l-2018.
Innutaw li fost fatturi oħra, is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna, ġibdet korporazzjonijiet multi-nazzjonali biex jirrilokaw u joperaw minn Malta biex b’hekk żdied l-investiment dirett barrani.