L-abiltà li wieħed irid iħaddan biex jikteb u jippublika r-riċerka li jkun għamel hija importanti ħafna, kemm biex jaqsam ix-xogħol tieghu stess ma’ akkademiċi oħra, u anke biex jimxi ‘l quddiem fil-karriera tiegħu.
Għal dan il-għan reġa sar il-kors WASP (Write a Scientific Paper), li huwa kors intensiv li jispjega u jelabora kull aspett li wieħed għandu bżonn biex ikun kapaċi jikteb ir-riċerka. Il-kors ġie mtella’ minn akkademici Maltin u kien immexxi mill-Professur Victor Grech.
Din is-sena, WASP sar għall-ewwel darba f’Londra ġewwa RCPCH – li huwa l-Kulleġġ tal-Pedijatrija u s-Saħħa tat-Tfal. Il-kors huwa approvat mill-Kulleġġ u jiswa 18-il punt internazzjonali f’dak li jissejjaħ CPD (Continuous Professional Development).
Il-kors, li sar lejn l-aħħar ta’ Jannar, kellu rispons tajjeb ħafna, kif jindika anke kwestjonarju li mlew il-parteċipanti. Kienet l-ewwel darba li grupp ta’ akkademiċi Malta mill-Università ta’ Malta organizzaw dan it-tip ta’ kors il-barra minn xtutna.
Il-kors tal-WASP reġa’ qed isir hawn hawn Malta bejn illum u nhar il-Ġimgħa fil-Life Sciences Park. Qed isir għal professjonisti Maltin li huma tobba jew jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.