Akkademiċi minn madwar id-dinja urew interess kbir fis-sejħa li ħarġet l-American University of Malta biex letturi f’suġġetti differenti jingħaqdu magħha fil-ħmistax il-qasam li l-universita se jkollha f’pajjiżna.
Il-Professur John Ryder, Rettur ta’ din l-università, qal li kienu madwar tliet mija l-persuni li applikaw għal din l-ewwel sejħa li għamlet l-Università. L-interess f’ċerti dixxiplini kien wieħed li jiżboq kull aspettativa.
Ir-rettur spjega kif dawk li applikaw ġejjin minn pajjiżi diversi, għalkemm kien innotat interess partikolari mill-Istati Uniti. Kienu ingaġġati wkoll Ewropej u Maltin.
Dan l-eżerċizzju sar fl-aħħar xhur u wassal biex il-maġġoranza tal-postijiet li kienu vakanti issa kważi imtlew. B’hekk issa nfetħu kariġi li għandhom x’jaqsmu l-aktar mal-aspett amministrattiv u tekniku. Ryder qal li tul il-proċess tal-għażla kien assigurat li l-letturi jkollhom il-kriterji meħtieġa.
Sadanittant, l-American University of Malta qed tasal għand studenti minn madwar id-dinja. Dan għaliex fil-fieri għar-reklutaġġ ta’ studenti li jsiru f’pajjiżi differenti, qed jintbagħtu persuni biex iħajruhom isegwu l-istudji tagħhom f’pajjiżna.
Mhiex biċċa xogħol faċli qal Ryder. Dan għax l-Università għada fi stadju bikri li tibda topera minn Malta u għalhekk irid ikun aċċertat li l-messaġġ jasal sew b’mod li jattira l-istudenti lejn pajjiżna fl-istess waqt li l-Università tibni r-reputazzjoni tagħha. Peró ċerti programmi diġa’ qed iqanqlu interess.
Il-ħsieb hu li l-Università tibda tilqa’ l-ewwel studenti tagħha minn Awwissu ta’ din is-sena. Fil-fatt anke x-xogħol infrastrutturali miexi sew. Filwaqt li fil-każ ta’ Wied il-għajn ġew sottomessi l-pjanijiet lill-awtoritajiet, in-naħa ta’ Baċir numru wieħed, ix-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel.
B’hekk qed jieħu l-ħajja dan l-investiment miljunarju fil-qasam edukattiv.